Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-262/09

Wienand Meilicke et

vs

Finanzamt Bonn-Innenstadt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln)

“Moviment liberu tal-kapital — Taxxa fuq id-dħul — Dikjarazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa fir-rigward tad-dividendi ta’ oriġini barranija — Prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja tad-dividendi — Kreditu fiskali għad-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti — Provi meħtieġa fir-rigward tat-taxxa barranija li tista’ tiġi paċuta”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Taxxa fuq id-dividendi — Kalkolu tal-kreditu fiskali mħallas lil persuna taxxabbli prinċipalment fi Stat Membru għad-dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor

(Artikoli 56 KE u 58 KE)

2.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Taxxa fuq id-dividendi — Provi li għandhom jiġu prodotti minn persuna taxxabbli prinċipalment fi Stat Membru sabiex tikseb kreditu fiskali għad-dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor

(Artikoli 56 KE u 58 KE)

3.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Taxxa fi Stat Membru tad-dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor

1.        Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-kreditu fiskali li għandu dritt għalih azzjonist suġġett għat-taxxa prinċipalment fi Stat Membru fir-rigward ta’ dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu l-applikazzjoni, fin-nuqqas li jiġu prodotti l-provi meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha t-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija għandha tiġi paċuta mat-taxxa fuq id-dħul tal-azzjonist sal-frazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi grossi mqassma mill-kumpanniji tal-ewwel Stat Membru.

Il-kalkolu tal-kreditu fiskali għandu jsir skont ir-rata ta’ tassazzjoni tal-profitti mqassma taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-kumpannija li tqassam id-dividendi skont id-dritt tal-Istat Membru fejn hija stabbilita, iżda mingħajr ma l-ammont li għandu jiġi paċut jista’ jaqbeż l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul li għandu jitħallas fuq id-dividendi li l-azzjonist benefiċjarju jirċievi fl-Istat Membru fejn dan huwa suġġett għat-taxxa prinċipalment.

Fil-fatt, meta Stat Membru jkollu sistema sabiex jipprevjeni jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it-tassazzjoni doppja ekonomika fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, huwa għandu jagħti l-istess trattament lid-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji li ma humiex residenti. Dan jimplika li din is-sistema nazzjonali għandha tiġi trasposta, sa fejn possibbli, għas-sitwazzjonijiet transkonfinali.

(ara l-punti 29, 31, 34 u d-dispożittiv 1)

2.        Fir-rigward tal-livell ta’ preċiżjoni li għandhom jissodisfaw il-provi meħtieġa sabiex jinkiseb kreditu fiskali fir-rigward ta’ dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa suġġett għat-taxxa prinċipalment il-benefiċjarju, l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-livell ta’ dettall kif ukoll il-forma ta’ kif jiġu ppreżentati l-provi li għandhom jiġu prodotti minn tali benefiċjarju għandhom ikunu l-istess bħal dawk meħtieġa meta l-kumpannija li tqassam id-dividendi tkun stabbilita fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni ta’ dan il-benefiċjarju.

L-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru msemmi l-aħħar għandhom id-dritt jirrikjedu li l-imsemmi benefiċjarju jipprovdi dokumenti li jippermettulhom jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ kreditu fiskali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali humiex sodisfatti mingħajr ma jistgħu jagħmlu stima tal-imsemmi kreditu fiskali.

Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timpedixxi b’mod assolut lill-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul prinċipalment f’dan l-Istat Membru li jkunu investew f’kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jipproduċu provi li jissodisfaw kriterji differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-preżentazzjoni, minn dawk previsti għall-investimenti nazzjonali mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru mhux biss tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, iżda fuq kollox tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ effettività tal-kontrolli fiskali.

(ara l-punti 43, 53 u d-dispożittiv 2)

3.        Il-prinċipju ta’ effiċjenza jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali emendata, li, b’mod retroattiv u mingħajr ma tipprovdi għal perijodu tranżitorju, ma tippermettix li tinkiseb it-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor permezz tal-produzzjoni jew ta’ dikjarazzjoni dwar din it-taxxa li tkun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-benefiċjarju ta’ dawn id-dividendi huwa prinċipalment suġġett għat-taxxa, jew ta’ dokumenti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ vantaġġ fiskali humiex sodisfatti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina x’inhu l-perijodu raġonevoli għall-produzzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni jew tal-imsemmija dokumenti ta’ sostenn.

Fil-fatt, fir-rigward tal-ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali imposti indebitament, peress li l-metodi ta’ ħlas lura huma emendati mid-dritt nazzjonali b’mod retroattiv, il-prinċipju ta’ effiċjenza jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi sistema tranżitorja li permezz tagħha l-partijiet ikollhom perijodu suffiċjenti, wara l-adozzjoni tagħha, sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw it-talbiet għal ħlas lura li kellhom id-dritt jippreżentaw taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti.

(ara l-punti 57, 59 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dħul – Dikjarazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa fir-rigward tad-dividendi ta’ oriġini barranija – Prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja tad-dividendi – Kreditu fiskali għad-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti – Provi meħtieġa fir-rigward tat-taxxa barranija li tista’ tiġi paċuta”

Fil-Kawża C-262/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2009, irrettifikata permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura,

Wienand Meilicke,

Heidi Christa Weyde,

Marina Stöffler

vs

Finanzamt Bonn-Innenstadt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits (Relatur), M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal W. Meilicke kif ukoll H. C. Weyde u M. Stöffler, minn W. Meilicke u D. Rabback, Rechtsanwälte,

–        għall-Finanzamt Bonn-Innenstadt, minn G. Sasonow, u F. Mlosch, Prozessbevollmächtigte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-13 ta’ Jannar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 KE u 58 KE, li ġew issostitwiti, mill-1 ta’ Diċembru 2009, mill-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, W. Meilicke kif ukoll H. C. Weyde u M. Stöffler, fil-kwalità tagħhom ta’ eredi ta’ H. Meilicke, li miet fit-3 ta’ Mejju 1997, u, min-naħa l-oħra, il-Finanzamt Bonn-Innenstadt (l-awtorità tal-finanzi ta’ Bonn-Innenstadt, iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) dwar it-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-mejjet matul is-snin 1995 sa 1997 minn kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        L-Artikolu 56(1) KE, li jinsab fil-Kapitolu 4, intitolat “Il-Kapital u l-Pagament” tat-Titolu III, li huwa stess hu intitolat “Moviment liberu tal-persuni, servizzi u kapital” tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, dwar il-politika tal-Komunità Ewropea, kien jipprovdi li:

“Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita”.

4        L-Artikolu 58(1) KE kien jipprovdi li:

“Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a)      li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit;

[...]”

5        L-Artikolu 58(3) KE kien jipprovdi li:

“Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56”.

6        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar l-għajnuna komuni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), jipprovdi:

“1. L-awtorità kompetenti ta’ xi Stat Membru tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) f’xi każ partikolari. […]”

 Id-dritt Ġermaniż applikabbli għas-snin 1995 sa 1997

7        Skont l-Artikoli 1, 2 u 20 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) tas-7 ta’ Settembru 1990 (BGBl. 1990 I, p. 1898), kif emendata bil-liġi tat-13 ta’ Settembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 1569, iktar ’il quddiem l-“EStG”), id-dividendi li tibbenefika minnhom persuna residenti u għaldaqstant suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul prinċipalment fil-Ġermanja huma taxxabbli hemmhekk bħala dħul mill-kapital.

8        Skont l-Artikolu 27(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz) tal-11 ta’ Marzu 1991 (BGBl. 1991 I, p. 638) kif emendata bil-liġi tat-13 ta’ Settembru 1993 (iktar ’il quddiem il-“KStG”), id-dividendi mqassma minn kumpanniji b’kapital azzjonarju suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji prinċipalment fil-Ġermanja huma taxxabbli bir-rata ta’ 30 %. Dan jirriżulta fi tqassim ta’ 70 % tal-profitti qabel it-taxxa u fi kreditu fiskali ta’ 30/70, jiġifieri 3/7 tad-dividendi li jiġu rċevuti.

9        Skont il-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EStG, kif interpretat fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C-292/04, Ġabra p. I-1835), dan il-kreditu fiskali japplika għad-dividendi rċevuti minn kumpanniji b’kapital azzjonarju suġġetti għat-taxxa prinċipalment fil-Ġermanja jew fi Stat Membru ieħor. Konsegwentement, il-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul prinċipalment fil-Ġermanja jibbenifikaw mill-imsemmi kreditu fiskali meta jirċievu dividendi mingħand kumpanniji Ġermaniżi jew mingħand kumpanniji barranin.

10      Skont il-punt (b) tar-raba’ sentenza tal-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EStG, it-taxxa fuq il-kumpanniji ma tiġix paċuta, b’mod partikolari, jekk ma tiġix ippreżentata d-dikjarazzjoni fiskali msemmija fl-Artikoli 44 et seq. tal-KStG.

11      L-Artikolu 44 tal-KStG jipprovdi:

“1.      Kumpannija li tkun suġġetta għalkollox għat-taxxa li twettaq, f’isimha stess, ħlasijiet li jikkostitwixxu, għall-membri tagħha, dħul fis-sens tal-punti (1) jew (2) tal-Artikolu 20(1) tal-EStG hija, bla ħsara għall-paragrafu (2), obbligata tipprovdi, fuq talba tal-membri tagħha, dikjarazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li tikkorrispondi għall-mudell previst mill-awtorità amministrattiva, li jinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

1.       l-isem u l-indirizz tal-membru;

2.      l-ammont tal-ħlasijiet;

3.      id-data tal-ħlas;

4.      l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji imputabbli skont l-ewwel sentenza tal-punt 3 tal-Artikolu 36(2) tal-EStG;

5.      l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandu jiġi rrimborsat fis-sens tal-Artikolu 52; huwa biżżejjed li l-indikazzjoni tirrigwarda azzjoni waħda, sehem wieħed jew dritt għal dividend wieħed;

6.      il-proporzjon li fih il-ħlas jitqies li uża l-parti mill-kapital imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 30(2);

7.      il-proporzjon li fih il-ħlas jitqies li uża l-parti mill-kapital imsemmija fil-punt 4 tal-Artikolu 30(2).

[…]”

12      L-Artikolu 175 tal-kodiċi tat-taxxi (Abgabenordnung), introdott bil-liġi tas-16 ta’ Marzu 1976 (BGBl. 1976 I, p. 613, u rettifika, BGBl. 1977 I, p. 269), fil-verżjoni ppubblikata fl-1 ta’ Ottubru 2002 (BGBl. 2002 I, p. 3866, u rettifika, BGBl. 2003 I, p. 61, iktar ’il quddiem l-“AO”), jipprovdi:

“(1)      L-istima tat-taxxa għandha titfassal, tiġi annullata jew emendata,

[…]

2.      jekk iseħħ avveniment li jkollu implikazzjonijiet fiskali għal perijodi li jkunu diġà għaddew (avveniment li għandu effett retroattiv).

Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-punt 2, il-perijodu għad-determinazzjoni tat-taxxa jibda malli tiskadi s-sena ċivili li matulha seħħ l-avveniment.

[…]”

13      Fid-9 ta’ Diċembru 2004, l-AO ġie emendat, għal dak li jirrigwarda n-natura finali tal-istimi tat-taxxa u l-emendar tagħhom f’każ ta’ avvenimenti li għandhom effett retroattiv, permezz tal-liġi li tittrasponi direttivi tal-Unjoni Ewropea fil-liġi fiskali nazzjonali u li temenda dispożizzjonijiet oħra (Gesetz zur Umsetzung von EU-Richtlinien in nationales Steuerrecht und zur Änderung weiterer Vorschriften, BGBl. 2004 I, p. 3310, iktar ’il quddiem l-“AO emendat”). Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 8 ta’ din il-liġi li temenda, it-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-AO emendat tipprovdi dan li ġej:

“Il-ħruġ jew produzzjoni sussegwenti ta’ dikjarazzjoni jew ċertifikat ma għandhomx jitqiesu bħala avveniment li għandu effett retroattiv”.

14      Sabiex jiġi ddelimitat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tat-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-AO emendat, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(9) tal-liġi li tintroduċi l-kodiċi tat-taxxi (Einführungsgesetz zur Abgabenordnung) tal-14 ta’ Diċembru 1976 (BGBl. 1976 I, p. 3341, u rettifika BGBl. 1977 I, p. 667, iktar ’ il quddiem l-“EGAO”), ġie emendat ukoll, u issa jipprovdi kif ġej:

“It-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-AO [emendat] hija applikabbli meta d-dikjarazzjoni jew iċ-ċertifikat jiġu prodotti jew jinħarġu wara t-28 ta’ Ottubru 2004 […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      H. Meilicke, li kien residenti fil-Ġermanja, kellu xi azzjonijiet f’kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u fid-Danimarka. Matul is-snin 1995 sa 1997, huwa rċieva dividendi li flimkien kienu jammontaw għal DEM 39 631.32, jiġifieri EUR 20 263.17.

16      B’ittra tat-30 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-Finanzamt kreditu fiskali ta’ 3/7 ta’ dawn id-dividendi, li kellu jitnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul stmata f’isem H. Meilicke.

17      Il-Finanzamt ċaħdet din it-talba għar-raġuni li hija biss it-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji prinċipalment fil-Ġermanja li tista’ tiġi paċuta mat-taxxa fuq id-dħul.

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Köln (qorti tal-finanzi ta’ Köln), li, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2004, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti d-domanda preliminari:

“Il-punt 3 ta’ l-Artikolu 36(2) ta’ l-[EStG], li, bis-saħħa tiegħu t-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ kumpannija jew ta’ assoċjazzjoni soġġetta prinċipalment għat-taxxa fuq il-kumpanniji hija suggete [sic] għal tpaċija mat-taxxa fuq id-dħul, għal 3/7 tad-dħul skond il-punti 1 u 2 ta’ l-Artikolu 20(1), ta’ l-EStG, huwa kompatibbli ma’ l-Artikoli 56(1), KE u 58(1)(a) u (3) KE?”

19      Wara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, (C-319/02, Ġabra p. I-7477), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali emendaw it-talba tagħhom permezz ta’ noti tas-7 ta’ Jannar 2005, tas-16 ta’ Mejju 2007 u tat-23 ta’ Novembru 2007, billi talbu kreditu fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhux għal 3/7 tad-dividendi inkwistjoni, iżda għal 34/66 tad-dividendi grossi provenjenti mid-Danimarka u għal 35/65 tad-dividendi grossi provenjenti mill-Pajjiżi l-Baxxi

20      Permezz tas-sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ddeċidiet li:

“L-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali li, bis-saħħa tagħha, meta ssir distibuzzjoni ta’ dividendi minn kumpannija ta’ kapital, azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fi Stat Membru jibbenefika minn kreditu fiskali, ikkalkulat skond ir-rata ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji fuq il-profitti mqassma, meta l-kumpannija li tiddistribwixxi l-profitti tkun stabbilita f’dan l-istess Stat Membru iżda mhux meta l-kumpannija li tiddistribwixxi l-profitti tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor”.

21      Minħabba din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi rikonoxxut fil-konfront tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali d-dritt għal żewġ krediti fiskali, ikkalkolati skont ir-rata ta’ tassazzjoni tal-profitti mqassma taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Istati Membri fejn huma stabbiliti l-kumpanniji li jqassmu l-profitti.

22      Il-Finanzgericht Köln madankollu tikkonstata li, fil-prattika, l-ammonti ta’ din it-taxxa li effettivament tħallsu fil-Pajjiżi l-Baxxi u fid-Danimarka ma jistgħux jiġu ddeterminati. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji fir-rigward tal-passi li għandhom jittieħdu, b’mod partikolari fir-rigward tal-kalkolu konkret li għandu jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont tal-krediti fiskali li jistgħu jippretendu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li hemm tliet soluzzjonijiet possibbli, jiġifieri, l-ewwel nett, li tiġi applikata regola nazzjonali li tipprovdi li t-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija tiġi paċuta mat-taxxa fuq id-dħul sal-frazzjoni applikabbli għal dak li jirrigwarda d-dividendi grossi mqassma mill-kumpanniji nazzjonali, it-tieni nett, li ssir stima tar-rata tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija jew, it-tielet nett, li jiġu ddeterminati kemm jista’ jkun preċiżament l-ammonti mħallsa bħala taxxa barranija fuq il-kumpanniji. Fil-każ imsemmi l-aħħar, hija tistaqsi xi provi jkun hemm bżonn sabiex ikun jista’ jsir il-kalkolu tal-kreditu fiskali.

23      F’dan il-kuntest, il-Finanzgericht Köln iddeċidiet għal darb’oħra li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56(1) KE u fl-Artikolu 58(1)(a) u (3) KE, kif ukoll il-prinċipju tal-effiċjenza u l-prinċipju tal-effettività, jipprekludu regola, bħall-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-[…]EstG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati [fil-kawża prinċipali]) li tipprovdi li t-taxxa fuq il-kumpanniji tittieħed bħala tpaċija fil-konfront tat-taxxa fuq id-dħul, [tiġi paċuta mat-taxxa fuq id-dħul], sa 3/7 tad-dividendi grossi, sakemm dawn id-dividendi ma joriġinawx minn ħlasijiet li fir-rigward tagħhom jitqies li ntuża l-kapital rispettiv imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 30(2) tal-[…]KStG) (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati [fil-kawża prinċipali]), u dan minkejja li t-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li tolqot lid-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tistax tiġi ddeterminata fil-prattika u tista’ tkun ogħla?

2)      Il-moviment liberu tal-kapital […] kif ukoll il-prinċipju tal-effiċjenza u l-prinċipju tal-effettività, jipprekludu regola, bħall-punt (b) tar-raba’ sentenza tal-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EstG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati [fil-kawża prinċipali]) li tipprovdi li t-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji [mat-taxxa fuq id-dħul] teħtieġ li tiġi prodotta dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji msemmija fl-Artikoli 44 et seq tal-KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati [fil-kawża prinċipali]) li għandha tindika b’mod partikolari l-ammont li jista’ jiġi paċut mit-taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll il-kompożizzjoni tal-ħlas filwaqt li jiġu speċifikati d-diversi partijiet tal-kapital rispettiv li jista’ jintuża bbażati fuq id-diviżjoni speċjali tal-kapital rispettiv li tinsab fl-Artikolu 30 KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati [fil-kawża prinċipali]), u dan minkejja li fil-prattika jkun impossibbli li tiġi determinata t-taxxa barranija fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li għandha tiġi paċuta u minkejja li jkun impossibbli li tiġi prodotta d-dikjarazzjoni marbuta mad-dividendi barranin?

3)      Jekk ikun effettivament impossibbli li tiġi prodotta d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 44 tal-KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati [fil-kawża prinċipali]) u jekk ma tkunx tista’ tiġi determinata t-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li tolqot id-dividendi barranin, il-moviment liberu tal-kapital […] jeżiġi li tiġi kkalkolata r-rata [ta’ tassazzjoni] imposta bħala taxxa fuq il-kumpanniji u, jekk ikun il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward it-taxxi [tal-input] li jkunu ġew imposti indirettament fi stadji preċedenti bħala taxxa fuq il-kumpanniji?

4)      a)     Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta negattiva u [b’hekk] dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija meħtieġa: Il-prinċipji tal-effiċjenza u tal-effettività għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-[…]AO) [emendat], u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(9) tal-[… EGAO], li, b’effett mid-29 ta’ Ottubru 2004, ma baqgħetx tikkunsidra bħala avveniment b’effett retroattiv b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji b’tali mod li b’hekk għamlet teknikament impossibbli t-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji meta l-avviżi tat-taxxa [l-istimi tat-taxxa dwar it-taxxa fuq id-dħul dovuta fil-Ġermanja] jkunu definittivi, u dan mingħajr ma pprovdiet għal terminu tranżitorju li permezz tiegħu setgħet issir it-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji?

b)      Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta affermattiva u [b’hekk] ebda dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhija meħtieġa: L-Artikolu 56 KE [kif ukoll] il-prinċipji tal-effiċjenza u tal-effettività għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola, bħall-punt [2] tal-Artikolu 175(1) tal-AO, li tipprovdi li avviż tat-taxxa għandu jkun emendat meta jseħħ avveniment retroattiv, b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, b’tali mod li b’hekk tippermetti t-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta’ dividendi Ġermaniżi anki meta l-avviżi tat-taxxa jkunu definittivi filwaqt li dan ma jkunx possibbli fir-rigward ta’ dividendi barranin fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa [barranija] fuq il-kumpanniji?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz ta’ din id-domanda, moqrija flimkien maż-żewġ domandi ta’ warajha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fin-nuqqas li jiġu prodotti l-provi meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru sabiex ikun jista’ jingħata kreditu fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq dividendi, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EStG, li tipprovdi li t-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija għandha tiġi paċuta mat-taxxa fuq id-dħul sal-frazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi grossi mqassma mill-kumpanniji nazzjonali.

25      Fil-motivazzjoni tas-sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox irrilevat li l-Finanzgericht Köln ressqet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari qabel ma ngħatat is-sentenza Manninen, iċċitata iktar ’il fuq.

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement fakkret li, b’mod konformi mal-punt 54 tal-imsemmija sentenza Manninen, il-kalkolu ta’ kreditu fiskali mogħti lil azzjonist suġġett għat-taxxa prinċipalment fil-Finlandja, li jkun irċieva dividendi mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru l-ieħor, kif tirriżulta mir-regoli ġenerali applikabbli għall-kalkolu tal-bażi ta’ stima kif ukoll tar-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-aħħar Stat Membru (sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

27      Meta qieset, minn naħa, il-pretensjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal kreditu fiskali li jikkorrispondi għal 34/66 tad-dividendi ta’oriġini Daniża u għal 35/65 tad-dividendi ta’ oriġini Olandiża, u, min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż li, fil-każ ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, ma jistax jingħata kreditu fiskali bir-rata fissa ta’ 3/7 tad-dividendi rċevuti, peress li l-kreditu fiskali għandu jkun marbut mar-rata ta’ tassazzjoni applikabbli għall-profitti mqassma b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun stabilita l-kumpannijia li qassmet id-dividendi (sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 17), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Manninen, iċċitata iktar ’il fuq.

28      Minn dak li ntqal jirriżulta li, bir-risposta tagħha għad-domanda preliminari fis-sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li l-kalkolu tal-kreditu fiskali li għandu dritt għalih azzjonist issuġġettat għat-taxxa prinċipalment fi Stat Membru fir-rigward tad-dividendi mqassma minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor jista’ jsir fuq bażi differenti minn dik tar-rata ta’ tassazzjoni tal-profitti mqassma taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-kumpannija li tqassam id-dividendi skont id-dritt tal-Istat Membru fejn hija stabilita.

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta Stat Membru jkollu sistema sabiex jipprevjeni jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it-tassazzjoni doppja ekonomika fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, huwa għandu jagħti l-istess trattament lid-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji li ma humiex residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Lenz, C-315/02, Ġabra p. I-7063, punti 27 sa 49, Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 sa 55, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 55).

30      Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali sistemi, is-sitwazzjoni ta’ azzjonisti li jirrisjedu fi Stat Membru li jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita f’dan l-istess Stat Membru hija paragunabbli għal dik ta’ azzjonisti li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru li jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, inkwantu kemm id-dividendi li għandhom oriġini nazzjonali u kemm dawk ta’ oriġini barranija jistgħu jiġu suġġetti, minn naħa, fil-każ ta’ azzjonisti li jkunu kumpanniji, għal sensiela ta’ taxxi, u min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ azzjonisti finali, għal tassazzjoni doppja ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lenz, punti 31 u 32, Manninen, punti 35 u 36, kif ukoll Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 56).

31      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, Stat Membru bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa, fid-dawl tas-sistema tiegħu għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja ekonomika, obbligat jagħti, fil-każ ta’ dividendi mħallsa lil persuni residenti minn kumpanniji mhux residenti, trattament ekwivalenti għal dak previst għad-dividendi mħallsa lil persuni residenti minn kumpanniji residenti. Dan jimplika li din is-sistema nazzjonali għandha tiġi trasposta, sa fejn possibili, għas-sitwazzjonijiet transkonfinali. B’hekk, fis-sitwazzjonijiet fejn ma huwiex possibbi fil-livell nazzjonali li jittieħdu inkunsiderazzjoni taxxi tal-input imposti indirettament bħala taxxa fuq il-kumpanniji, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali, tali teħid inkunsiderazzjoni ma għandux isir fir-rigward tad-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji mhux residenti.

32      F’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ Stat Membru li jinnewtralizza tassazzjoni doppja ekonomika fuq persona fiżika li tkun il-benefiċjarja aħħarija tad-dividendi ta’ oriġini barranija huwa limitat għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tqassam id-dividendi għal dawn id-dividendi, skont id-dritt tal-Istat Membru fejn hija stabbilita, mit-taxxa fuq id-dħul li għandha titħallas mill-azzjonist fuq l-imsemmija dividendi.

33      Fil-fatt, hekk kif isostnu l-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż, il-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56(1) KE, ma jistax ikollu bħala effett li jimponi fuq l-Istat Membri l-obbligu li jagħmlu iktar milli jannullaw it-taxxa nazzjonali fuq id-dħul li għandha titħallas mill-azzjonist fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija li jkun irċieva u li jirrimborsaw ammont li joriġina mis-sistema fiskali ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 52), għaliex inkella l-awtonomija fiskali tal-Istat Membru msemmi l-ewwel tiġi ristretta mill-eżerċizzju tas-setgħa fiskali tal-Istat Membru l-ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47; tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund, C-194/06, Ġabra p. I-3747, punt 30, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux, C-128/08, Ġabra p. I-6823, punt 25).

34      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda, moqrija flimkien maż-żewġ domandi ta’ warajha, għandha tkun li, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-kreditu fiskali li għandu dritt għalih azzjonist suġġett għat-taxxa prinċipalment fi Stat Membru fir-rigward ta’ dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu l-applikazzjoni, fin-nuqqas li jiġu prodotti l-provi meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, ta’ dispożizzjoni bħall-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EStG, li permezz tagħha t-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija għandha tiġi paċuta mat-taxxa fuq id-dħul tal-azzjonist sal-frazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi grossi mqassma mill-kumpanniji tal-ewwel Stat Membru. Il-kalkolu tal-kreditu fiskali għandu jsir skont ir-rata ta’ tassazzjoni tal-profitti mqassma taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-kumpannija li tqassam id-dividendi skont id-dritt tal-Istat Membru fejn hija stabbilita, iżda mingħajr ma l-ammont li għandu jiġi paċut jista’ jaqbeż l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul li għandu jitħallas fuq id-dividendi li l-azzjonist benefiċjarju jirċievi fl-Istat Membru fejn dan huwa suġġett għat-taxxa prinċipalment.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

35      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-punt (b) tar-raba’ sentenza tal-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EstG, li permezz tagħha l-livell ta’ dettall kif ukoll il-forma ta’ kif jiġu ppreżentati l-provi li għandhom jiġu prodotti minn azzjonist suġġett għat-taxxa prinċipalment fi Stat Membru sabiex ikun jista’ jibbenefika hemmhekk minn kreditu fiskali b’rabta mal-fatt li jkun irċieva dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu l-istess bħal dawk meħtieġa meta l-kumpannija li tqassam id-dividendi tkun stabbilita fl-ewwel Stat Membru. F’każ ta’ risposta affermattiva, hija tistaqsi x’livell ta’ preċiżjoni għandhom jissodisfaw il-provi prodotti sabiex tiġi stabbilita r-rata tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kreditu fiskali li l-benefiċjarju tagħhom għandu dritt għalih u, jekk ikun il-każ, jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħmel stima tal-imsemmija rata ta’ tassazzjoni.

36      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, peress li r-rata ta’ tassazzjoni tal-profitti mqassma taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-kumpannija li tqassam id-dividendi hija determinanti għall-kalkolu tal-kreditu fiskali li għalih għandu dritt l-azzjonist fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, din ir-rata għandha tiġi ddeterminata bl-iktar mod preċiż possibbli. B’hekk, jista’ jiġi eskluż mill-bidu nett li l-kalkolu ta’ dan il-kreditu fiskali jiġi bbażat fuq sempliċi stima tar-rata rilevanti.

37      Għandu jiġi kkonstatat, imbagħad, li huwa inerenti fil-prinċipju tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri li dawn tal-aħħar jiddeterminaw liema huma, skont is-sistema nazzjonali tagħhom, il-provi meħtieġa sabiex ikun jista’ jingħata tali kreditu fiskali.

38      Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din l-awtonomija fiskali tal-Istati Membri għandu jsir filwaqt li jiġu osservati r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imposti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li diffikultajiet eventwali fid-determinazzjoni tat-taxxa effettivament imħallsa fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jiġġustifikaw ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Manninen, punt 54, u Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 70).

40      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-kreditu fiskali jingħata biss permezz tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni li tkun konformi mas-sistema interna tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ebda possibbiltà għall-azzjonist li jipprova permezz ta’ provi u informazzjoni oħrajn rilevanti l-ammont tat-taxxa effettivament imħallas mill-kumpannija li tqassam id-dividendi, tikkostitwixxi restrizzjoni moħbija għall-moviment liberu tal-kapital li hija pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 72).

41      Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u li Stat Membru huwa awtorizzat japplika miżuri li jippermettu l-verifika, b’mod ċar u preċiż, tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu f’dan l-Istat Membru, li jkunu saru fi Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C-250/95, Ġabra p. I-2471, punt 31, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2005, Laboratoires Fournier, C-39/04, Ġabra p. I-2057, punt 24).

42      Madankollu, sabiex miżura restrittiva tkun tista’ tiġi ġġustifikata, jeħtieġ li hija tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li hija għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C-101/05, Ġabra p. I-11531, punti 55 u 56, kif ukoll Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

43      Issa, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timpedixxi b’mod assolut lill-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul prinċipalment f’dan l-Istat Membru li jkunu investew f’kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jipproduċu provi li jissodisfaw kriterji differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-preżentazzjoni, minn dawk previsti għall-investimenti nazzjonali mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru mhux biss tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, iżda fuq kollox tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ effettività tal-kontrolli fiskali.

44      Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż, a priori, li l-imsemmija azzjonisti jkunu f’pożizzjoni li jipprovdu dokumenti rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru li jintaxxa li jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, l-awtentiċità u n-natura tat-taxxi imposti fi Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Laboratoires Fournier, punt 25 u Persche, punt 53).

45      Fir-rigward tal-oneru tal-prova u tal-livell ta’ preċiżjoni li għandhom jissodisfaw il-provi meħtieġa sabiex jingħata kreditu fiskali fir-rigward tad-dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru għandhom id-dritt li jeħtieġu mingħand il-persuna taxxabbli l-provi li dawn iqisu bħala neċessarji sabiex jevalwaw jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għal benefiċċju fiskali previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, konsegwentement, jekk hemmx lok jew le li jingħata l-benefiċċju msemmi (ara, s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-0000, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Tali evalwazzjoni ma għandhiex issir b’mod formalist ħafna, b’mod li l-produzzjoni ta’ dokumenti li ma għandhomx il-livell ta’ dettall u ma jkunux miktubin fil-forma tad-dikjarazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn jiġi intaxxat azzjonist li jkun irċieva dividendi minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor, iżda li madankollu jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru li jintaxxa jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ vantaġġ fiskali humiex sodisfatti, għandha tiġi kkunsidrata minn dawn l-awtoritajiet bħala ekwivalenti għall-produzzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni.

47      Huwa biss jekk l-azzjonist ikkonċernat ma jipprovdix informazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza li l-awtoritajiet fiskali kkonċernati jistgħu jirrifjutaw il-vantaġġ fiskali mitlub.

48      Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas tal-fluss ta’ informazzjoni li huwa ffaċċjat bih l-investitur ma huwiex problema li għandu jwieġeb għaliha l-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

49      Fil-kuntest ta’ din is-sentenza, li tikkonċerna kumpannija benefiċjarja ta’ dividendi, iżda li hija applikabbli wkoll għal persuna fiżika fl-istess sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar barra min hekk fil-portata tad-Direttiva 77/799, li l-għan tagħha huwa l-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa.

50      F’dan ir-rigward, il-fatt li, għad-dividendi mqassmin minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti minn dak li jagħti kreditu fiksali, l-amministrazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar tista’ tirrikorri għall-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka previst mid-Direttiva 77/799 ma jimplikax li din hija marbuta li teħles lill-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi mill-obbligu li tipproduċi l-prova tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam id-dividendi fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100).

51      Fil-fatt, peress li d-Direttiva 77/799 tipprevedi l-fakoltà għall-awtoritajiet fiskali nazzjonali li jitolbu informazzjoni li ma jistgħux jiksbu huma stess, l-użu, fl-Artikolu 2(1) tagħha, tal-kelma “tista’” huwa tali li jindika li, għalkemm dawn l-awtoritajiet għandhom il-possibbiltà li jitolbu informazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, talba bħal din bl-ebda mod ma tammonta għal obbligu. Kull Stat Membru huwa kompetenti sabiex jevalwa l-każijiet speċifiċi li fihom ma hemmx informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tiegħu u sabiex jiddeċiedi jekk dawn il-każijiet jiġġustifikawx li ssir talba għal informazzjoni lil Stat Membru ieħor (sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Konsegwentement, id-Direttiva 77/799 ma teħtieġx li l-imsemmija awtoritajiet fiskali jirrikorru għall-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka li din tipprevedi malli l-informazzjoni pprovduta minn persuna taxxabbli ma tkunx suffiċjenti sabiex jiġi vverifikat jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jingħata d-dritt għal kreditu fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domandi magħmula hija li, fir-rigward tal-livell ta’ preċiżjoni li għandhom jissodisfaw il-provi meħtieġa sabiex jinkiseb kreditu fiskali fir-rigward ta’ dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa suġġett għat-taxxa prinċipalment il-benefiċjarju, l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-punt (b) tar-raba’ sentenza tal-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EstG, li permezz tagħha l-livell ta’ dettall kif ukoll il-forma ta’ kif jiġu ppreżentati l-provi li għandhom jiġu prodotti minn tali benefiċjarju għandhom ikunu l-istess bħal dawk meħtieġa meta l-kumpannija li tqassam id-dividendi tkun stabbilita fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni ta’ dan il-benefiċjarju. L-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru msemmi l-aħħar għandhom id-dritt jirrikjedu li l-imsemmi benefiċjarju jipprovdi dokumenti li jippermettulhom jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ kreditu fiskali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali humiex sodisfatti mingħajr ma jistgħu jagħmlu stima tal-imsemmi kreditu fiskali.

 Fuq ir-raba’ domanda

54      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk il-prinċipju ta’ effiċjenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-AO emendat u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(9) tal-EGAO, li, b’mod retroattiv u mingħajr ma tipprovdi għal perijodu tranżitorju, ma tippermettix lil persuna suġġetta għat-taxxa prinċipalment fl-Istat Membru kkonċernat tikseb it-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi mħallsa lil din il-persuna minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor permezz tal-produzzjoni jew ta’ dikjarazzjoni dwar din it-taxxa li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, jew ta’ dokumenti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tiegħu jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dan il-vantaġġ fiskali humiex sodisfatti.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-metodi proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, s-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 67, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C-392/04 u C-422/04, Ġabra p. I-8559, punt 57).

56      F’dak li jirrigwarda l-prinċipju msemmi l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi, fl-interess taċ-ċertezza legali, li jipproteġi kemm lill-persuni taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, termini bħal dawn ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 19).

57      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali imposti indebitament, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, peress li l-metodi ta’ ħlas lura huma emendati mid-dritt nazzjonali b’mod retroattiv, il-prinċipju ta’ effiċjenza jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi sistema tranżitorja li permezz tagħha l-partijiet ikollhom perijodu suffiċjenti, wara l-adozzjoni tagħha, sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw it-talbiet għal ħlas lura li kellhom id-dritt jippreżentaw taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 38, kif ukoll tal-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana, C-255/00, Ġabra p. I-p. 8003, punt 37).

58      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-AO u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(9) tal-EGAO, fil-verżjoni tagħhom tad-9 ta’ Diċembru 2004, biddlu d-dritt nazzjonali b’mod retroattiv mingħajr sistema tranżitorja li tippermetti lill-azzjonisti kkonċernati jinvokaw id-dritt tagħhom għal kreditu fiskali. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ effiċjenza jipprekludi emenda leġiżlattiva bħal din, peress li ma tagħtix lill-persuni taxxabbli terminu raġonevoli sabiex jinvokaw id-dritt tagħhom għal kreditu fiskali matul perijodu tranżitorju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dan it-terminu sabiex l-azzjonisti jkunu jistgħu jinvokaw l-imsemmija drittijiet, permezz tal-produzzjoni jew ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew ta’ dokumenti msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.

59      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda magħmula hija li l-prinċipju ta’ effiċjenza jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-AO emendat u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(9) tal-EGAO, kif emendat, li, b’mod retroattiv u mingħajr ma tipprovdi għal perijodu tranżitorju, ma tippermettix li tinkiseb it-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor permezz tal-produzzjoni jew ta’ dikjarazzjoni dwar din it-taxxa li tkun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-benefiċjarju ta’ dawn id-dividendi huwa prinċipalment suġġett għat-taxxa, jew ta’ dokumenti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ vantaġġ fiskali humiex sodisfatti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina x’inhu l-perijodu raġonevoli għall-produzzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni jew tal-imsemmija dokumenti ta’ sostenn.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-kreditu fiskali li għandu dritt għalih azzjonist suġġett għat-taxxa prinċipalment fi Stat Membru fir-rigward ta’ dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu l-applikazzjoni, fin-nuqqas li jiġu prodotti l-provi meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, ta’ dispożizzjoni bħall-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), tas-7 ta’ Settembru 1990, kif emendata bil-liġi tat-13 ta’ Settembru 1993, li permezz tagħha t-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija għandha tiġi paċuta mat-taxxa fuq id-dħul tal-azzjonist sal-frazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi grossi mqassma mill-kumpanniji tal-ewwel Stat Membru.

Il-kalkolu tal-kreditu fiskali għandu jsir skont ir-rata ta’ tassazzjoni tal-profitti mqassma taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-kumpannija li tqassam id-dividendi skont id-dritt tal-Istat Membru fejn hija stabbilita, iżda mingħajr ma l-ammont li għandu jiġi paċut jista’ jaqbeż l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul li għandu jitħallas fuq id-dividendi li l-azzjonist benefiċjarju jirċievi fl-Istat Membru fejn dan huwa suġġett għat-taxxa prinċipalment.

2)      Fir-rigward tal-livell ta’ preċiżjoni li għandhom jissodisfaw il-provi meħtieġa sabiex jinkiseb kreditu fiskali fir-rigward ta’ dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa suġġett għat-taxxa prinċipalment il-benefiċjarju, l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-punt (b) tar-raba’ sentenza tal-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, tas-7 ta’ Settembru 1990, kif emendata bil-liġi tat-13 ta’ Settembru 1993, li permezz tagħha l-livell ta’ dettall kif ukoll il-forma ta’ kif jiġu ppreżentati l-provi li għandhom jiġu prodotti minn tali benefiċjarju għandhom ikunu l-istess bħal dawk meħtieġa meta l-kumpannija li tqassam id-dividendi tkun stabbilita fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni ta’ dan il-benefiċjarju.

L-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru msemmi l-aħħar għandhom id-dritt jirrikjedu li l-imsemmi benefiċjarju jipprovdi dokumenti li jippermettulhom jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ kreditu fiskali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali humiex sodisfatti mingħajr ma jistgħu jagħmlu stima tal-imsemmi kreditu fiskali.

3)      Il-prinċipju ta’ effiċjenza jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-kodiċi tat-taxxi (Abgabenordnung), kif emendat bil-liġi li tittrasponi direttivi tal-Unjoni Ewropea fil-liġi fiskali nazzjonali u li temenda dispożizzjonijiet oħra (Gesetz zur Umsetzung von EU-Richtlinien in nationales Steuerrecht und zur Änderung weiterer Vorschriften), u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(9) tal-liġi li tintroduċi l-kodiċi tat-taxxi (Einführungsgesetz zur Abgabenordnung), tal-14 ta’ Diċembru 1976, kif emendata, li, b’mod retroattiv u mingħajr ma tipprovdi għal perijodu tranżitorju, ma tippermettix li tinkiseb it-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor permezz tal-produzzjoni jew ta’ dikjarazzjoni dwar din it-taxxa li tkun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-benefiċjarju ta’ dawn id-dividendi huwa prinċipalment suġġett għat-taxxa, jew ta’ dokumenti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ vantaġġ fiskali humiex sodisfatti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina x’inhu l-perijodu raġonevoli għall-produzzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni jew tal-imsemmija dokumenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.