Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

24.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 256/8


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-284/09)

2009/C 256/15

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u B.-R. Killmann, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tiddikjara li, billi ntaxxat id-dividendi mħallsa lil kumpannija li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea b’rata ogħla mid-dividendi mħallsa lil kumpannija li hija stabbilita fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din tal-aħħar naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE fejn ma jintlaħaqx il-livell minimu għall-ishma tal-kumpannija parent fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija sussidjarja stabbilit fid-Direttiva 90/435 (1), u, fir-rigward tar-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-suġġett ta’ din il-kawża hija l-liġi Ġermaniża dwar l-intaxxar tal-ħlas tad-dividendi. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul jipprovdu li kumpanniji parent taxxabbli b’mod illimitat fil-Ġermanja jistgħu jimputaw it-taxxi f’ras il-għajn fil-proċedura tal-istima tat-taxxa fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minnhom. Għaldaqstant, kumpanniji parent Ġermaniżi kienu eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn. Kumpanniji parent taxxabbli b’mod limitat fil-Ġermanja, min-naħa l-oħra, għandhom il-possibbiltà li jkunu kompletament eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn biss meta jintlaħaq il-livell minimu applikabbli għall-ishma rilevanti tal-kumpanniji parent fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija sussidjarja kif stabbilit fid-Direttiva 90/435. Jekk dan il-livell minimu ma jintlaħaqx, mhuwiex possibbli, taħt id-dritt Ġermaniż, għall-kumpanniji parent taxxabbli b’mod limitat li jiġu eżenti bl-istess mod bħall-kumpanniji taxxabbli b’mod illimitat. Minħabba din il-liġi, għalhekk, ħlas Ġermaniż ta’ dividendi ta’ kumpanniji parent ta’ Stati Membri oħra ġew ittrattati, għal finijiet ta’ taxxa, b’mod differenti minn dawk ta’ kumpanniji parent taxxabbli b’mod illimitat fil-Ġermanja.

Il-Kummissjoni tqis li din id-diskriminazzjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital għaliex dawk li jħallsu t-taxxa li huma residenti fi Stati Membri oħra jew fiż-ŻEE jistgħu, minħabba f’hekk, jiġu dissważi milli jinvestu fil-Ġermanja.

Mill-moviment liberu tal-kapital, li huwa ggarantit permezz tat-Trattat KE u tal-Ftehim ŻEE, jirriżulta li jekk Stat Membru jagħti vantaġġi fir-rigward tal-intaxxar tad-dividendi, dawn il-vantaġġi m’għandhomx ikunu ristretti għal dawk li jirċievu d-dividendi li huma stabbiliti fl-Istat Membru. Diskriminazzjoni fiskali bejn dawk li jirċievu d-dividendi li huma stabbiliti fl-Istat Membru u dawk li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra jew fi Stati fiż-ŻEE huwa pprojbit; vantaġġi fiskali mogħtija fuq il-livell domestiku għandhom jiġu estiżi wkoll għall-azzjonisti ta’ Stati Membri oħra jew ta’ Stati taż-ŻEE. Meta l-Istat Membru rilevanti jkun ukoll ikkonkluda, bħalma huwa l-każ hawnhekk, konvenzjoni ta’ ntaxxar doppju ma’ Stati Membri oħrajn, dan l-Istat Membru jista’ jinvoka din il-konvenzjoni biss jekk ir-regoli tiegħu dwar imputazzjoni jikkumpensaw b’mod sħiħ għall-eventwali ntaxxar ekonomiku multiplu ta’ azzjonisti stabbiliti fi Stati Membri oħra jew fi Stati taż-ŻEE, u bl-istess mod bħalma huwa ggarantit lil azzjonisti domestiċi mis-sistema fiskali tiegħu.

Madankollu, dan mhuwiex il-każ fir-rigward tal-konvenzjonjiet konklużi mill-Ġermanja mal-Istati Membri l-oħra; sabiex jiġi evitat intaxxar doppju, dawn il-konvenzjonijiet jipprovdu, fil-fatt, għal regoli rigward imputazzjoni tat-taxxa Ġermaniża f’ras il-għajn fuq il-piż fiskali fl-Istat Membru tal-kumpannija parent, madankollu, l-ammont li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma jistax jaqbeż il-parti tat-taxxa stmata qabel l-imputazzjoni, li hija imposta fuq id-dħul mill-Ġermanja. Għaldaqstant l-imputazzjoni hija ristretta, u rifużjoni ta’ eventwali fondi mid-differenza bejn il-piż fiskali fl-Istat Membru rilevanti u t-taxxa Ġermaniża f’ras il-għajn mhijiex prevista f’din il-konvenzjoni u għaldaqstant hija eskluża.

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ dan il-ksur, għandu jiġi osservat li l-Ġermanja ma ppreżentat l-ebda raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku fil-proċedura prekontenzjuża li tista’ tiġġustifika s-sistema fiskali kkontestata.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6).